Livre - iHrejjef missirijietna
B 5990
Description
Livre
Publishers Enterprises Group
Magri Manwel
Chircop Gorg Mifsud
Presentation materielle : xxxiv, 670 pages
Dimensions : 22 cm
Din hija edizzjoni kritika tal-ħrejjef u t-testi narrattivi kollha mifruxa fil-kitbiet magħrufa ta' Manwel Magri (1851-1907). L-editur tagħhom hu Ġorġ Mifsud Chircop li mexa fedelment mal-oriġinal li ppubblika Magri fil-bidu tas-Seklu Għoxrin. "Ħrejjef Missirijietna" għandu post ewlieni fil-kultura Maltija tagħna u jixraqlu post ċentrali fuq l-ixkafef tagħna. "Ħrejjef Missirijietna" hu rapprezentattiv tal-korp kollu tal-ħrejjef Maltin tas-seħer b'xi leġġendi li ltaqa' magħhom ukoll Magri fil-ġbir attiv tiegħu. Barra bosta ritratti antiki, Mifsud Chircop ħa ħsieb idaħħal studji oriġinali - in-narrattiva tal-ħrafa fl-isfond tal-istħarriġ kontemporanju tal-Folklor fl-Ewropa. Hawn ukoll taqsima ġmielha fuq bosta elementi folkloristiċi fuq il-ħajja Maltija li jsemmi Magri fin-noti tiegħu, bħas-superstizzjonijiet, it-taqbiliet, l-għajdut u l-bqija. ● Manwel Magri, magħruf bħala Missier il-Folklor Malti, twieled fl-1851. Daħal l-Università ta' Malta biex isir avukat imma sar qassis u Ġiżwita. Qaddes fl-l88l. Stħarreġ sew il-kultura ta' ġensna, l-aktar fuq l-arkeoloġija u l-folklor. Terraq mal-gżejjer Maltin biex jikseb tagħrif dwar il-kultura tal-Maltin. Kiteb għadd ta' ħrejjef li sema' minn fomm ix-xjuħ ta' żmienu, u l-aħjar fosthom, ġabarhom f'kotba. Kien jissaħħar bis-sbuħija tal-ħrejjef. Għalih kienu għajn ta' għerf. Patri Magri kien iħoss li kull rokna tal-wirt nazzjonali tagħna għandna ngħożżuh u l-ħrejjef b'mod partikolari. Għax dawn huma tassew Maltin; għax fihom tinsab xhieda ħajja ta' ċiviltà qadima; u għax bihom ġensna jista' jiftaħar li hu fost l-ewlenin fil-kulturi tal-Mediterran. Barra mill-ħrejjef ippubblikati fil-"Cotba tal Mogħdija taz-Zmien" Patri Magri kien ħejja xogħlijiet oħra fuq folklor u arkeoloġija. Ma kenitx ix-xorti, iżda, li jaraw id-dawl tal-pubblikazzjoni. Għall-bidu tas-seklu għoxrin telaq minn Malta biex imur għall-Missjoni fl-artijiet ta' l-Afrika ta' Fuq. Kienet ħidma ewlenija għalih imma kienet ukoll waħda li swietlu ħajtu.